John Aquilina

Leħnek il-Libsa Tiegħi

 

Nhar l-Erbgħa, 3 ta' Novembru, 2010, fis-7.30pm fis-sala tal-mużika tal-Kavallier ta' San Ġakbu, se jitnieda l-ktieb ta' poeżiji ta' John Aquilina, Leħnek il-Libsa Tiegħi, ippubblikat minn Edizzjoni Skarta fl-2010, b'disinn tal-qoxra u tal-ktieb tal-artist Pierre Portelli.

Il-ktieb, li għandu qoxra iebsa, jinsab għall-bejgħ għall-prezz ta' €12 mingħand

www.sierra-books.com.

Is-sens tal-ħin u tal-post, it-tifkira, id-dubju: dawn huma l-preokuppazzjonijiet li minnhom jissawru dawn il-poeżiji. Siltiet differenti, imma l-vjaġġ li tagħmel ir-ruħ hu wieħed.

Għal Immanuel Mifsud, “Dawn huma poeżiji tal-qalb li jien u naqrahom ħassejtni diġà nafhom; ħassejtni qrib ħafna tagħhom, daqs li kieku kont qrajthom qabel ma nkitbu. Fl-istess waqt, kull vers huwa esplorazzjoni fil-mhux magħruf, skoperta sabiħa anki jekk tista' tweġġa'. U din hija esperjenza rari. Il-kitba ta' John Aquilina tixbah lis-solitudni tal-bliet: dik is-solitudni li tneżżgħek, taħbik f’xagħarha, tisqik id-dmugħ u tagħmlek tagħha.”

Skont Oliver Friggieri, “Il-poeżiji huma ċari, suġġestivi, u jiżvolġu l-ħsieb, is-sentiment, minnufih u b’mod li jolqot. Huma lkoll, jew kważi, varjanti, ħielsa u awtonomi, ta’ motiv ewlieni wieħed, li jgħaqqadhom kollha flimkien bħala ċiklu. Din hi ħaġa li għoġbitni ħafna. Ħadt pjaċir ukoll bir-reqqa murija fit-tħaddim tal-metrika.”

 


Waqt it-tnedija se jinqraw għadd ta' poeżiji mill-awtur u mill-attur Manuel Cauchi, waqt li Immanuel Mifsud se jagħmel apprezzament kritiku tal-poeżiji.


John Aquilina twieled Ħ’Attard fl-1977. Studja x-xjenzi fil-Kulleġġ ta’ De La Salle, il-Birgu, u mbagħad il-matematika fl-Universitajiet ta’ Malta, Cambridge u Bath. Beda jikteb il-poeżiji fl-1994, u xi xogħlijiet tiegħu xxandru f’antoloġija, f’rivisti, fuq l-internet, u fuq ir-radju. Din hi l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu.

Il-poeżiji miġburin f'Leħnek il-Libsa Tiegħi nkitbu bejn 1994 u l-2009.
 

 

 

 

 

 

Il-kotba ta' Edizzjoni Skarta jinbiegħu direttament lill-qarrejja u jitqassmu fil-ħwienet minn Sierra Book Distributors, www.sierra-books.com. Tista' tixtri ktieb billi tibgħat ittre lil sales@sierra-books.com. jew iċċempel fuq 2137 8576. Il-ktieb jitwassal id-dar jew kwalunkwe indirizz lokali mingħajr spejjeż żejda.