Joe Brincat

Fil-Kamra s-Skura

 

Nhar is-Sibt, 15 ta' Mejju, 2010, fis-7.00pm fis-sala prinċipali tal-Kavallier ta' San Ġakbu, se jitnieda l-ktieb ta' poeżiji ta' Joe Brincat, Fil-Kamra s-Skura, ippubblikat minn Edizzjoni Skarta bl-appoġġ ta' The Alfred Mizzi Foundation. Il-ktieb, maħdum mill-Outlook Coop, għandu disinn tal-qoxra tal-artist Pierre Portelli.


Waqt it-tnedija se jinqraw għadd ta' poeżiji minn bintu Karla Brincat u Adrian Grima se jagħmel apprezzament kritiku ta' din il-ġabra.

 

Joe Brincat (1952-2009) iddebutta fil-qasam letterarju bir-rebħ tal-Premju Francis Ebejer għad-dramm Sultan tal-Ħafjin li ttella' fit-Teatru Manoel lejn l-aħħar tal-1995. 

 

Joe Brincat stess kiteb li ma setax jaħrab mill-influwenza tal-familja estiża li ddominat id-dar ta’ tfulitu fis-snin ħamsin u sittin fi Triq Manwel Dimech, Tas-Sliema. Zijiet u nanniet kienu sikwit jillitikaw dwar il-politika u r-reliġjon b’ħerqa li kienet tagħtik x’tifhem li d-destin tal-bniedem kien jiddependi fuq min ser jirbaħ l-argument u jieħu r-raġun. Ebda naħa ma qatt irnexxielha tikkonvinċi lin-naħa l-oħra biex tibdel fehmitha. Madwar il-mejda tal-kamra tal-pranzu lil Joe sqewh il-ġrajjiet imdemma ta’ artu, u ħafna teoriji u ideat li fil-ktieb talab skuża għalihom, allavolja mhux ħtija tiegħu li tqanna bihom.  Kellu bilfors isib mezz biex jiskonġra dawn l-iħirsa mill-imgħoddi u għal dan il-għan qatagħha li jinqeda bil-kitba tal-versi biex forsi jkun jista’ jistrieħ.

 

Fil-kumment tiegħu fuq il-qoxra tal-ktieb, Adrian Grima jgħid li "Dawn il-poeżiji, mimlijin ġrajjiet kbar u żgħar ta’ passat dejjem preżenti, jirrakkontaw l-ideali u l-ipokreziji tas-snin sittin u tmenin, u l-katavri jgħumu fl-indifferenza klandestina tagħna tas-seklu l-ġdid. Imma dawn il-versi sikwit awto-kritiċi ta’ Joe Brincat jirrakkontaw ukoll l-intimità delikata tal-imħabba, l-“int u jien fil-kamra s-skura,” il-malinkonija tal-“aħħar tqarbina.”

 

 

Il-kotba ta' Edizzjoni Skarta jinbiegħu direttament lill-qarrejja u jitqassmu fil-ħwienet minn Sierra Book Distributors, www.sierra-books.com. Tista' tixtri ktieb billi tibgħat ittre lil sales@sierra-books.com. jew iċċempel fuq 2137 8576. Il-ktieb jitwassal id-dar jew kwalunkwe indirizz lokali mingħajr spejjeż żejda.